Missjoni

Din il-paġna hija disponibbli wkoll fi

Il-missjoni tagħna hija li ngħinu lill-pajjiżi fi transizzjoni u li qed jiżviluppaw jisfruttaw il-potenzjal tal-kapital uman tagħhom permezz tar-riforma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u s-sistemi tas-suq tax-xogħol fil-kuntest tal-politiki tar-relazzjonijiet esterni tal-UE.

Aħna nappoġġjaw lil 28 pajjiż li l-fruntieri tagħhom imissu mal-UE biex itejbu s-sistemi tagħhom ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, janalizzaw il-bżonnijiet ta’ ħiliet, u jiżviluppaw is-swieq tax-xogħol tagħhom. B'dan il-mod, aħna ngħinuhom biex itejbu l-koeżjoni soċjali u jiksbu tkabbir ekonomiku aktar sostenibbli, li konsegwentement ikun ta’ benefiċċju għall-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħhom billi jtejjeb ir-relazzjonijiet ekonomiċi.

Aħna nikkollaboraw fuq bażi speċifika għall-pajjiż kif ukoll fuq bażi ta' aktar minn pajjiż wieħed, nibnu oqfsa għall-kontinwità fil-politika u nippromwovu t-tfassil u l-implimentazzjoni ta' politika bbażata fuq l-evidenza. Aħna ta’ spiss noperaw f'kuntesti inċerti u xi mdaqqiet, instabbli. Iżda aħna waħda mill-ftit aġenziji li jirrikorru għalihom gvernijiet suċċessivi bi prijoritajiet ta’ politika li qed jinbidlu, minħabba r-reputazzjoni tagħna għal xogħol indipendenti, ta' kwalità għolja u impenn pożittiv.

L-attivitajiet tagħna ma’ pajjiżi sħab ikopru firxa ta' oqsma relatati:

  • Analiżi tal-bżonnijiet tal-ħiliet u tal-impjiegi
  • Governanza tas-sistema, inkluż l-involviment tal-partijiet interessati
  • Djalogu soċjali u parteċipazzjoni tas-settur privat
  • Sistemi ta’ kwalifikazzjoni u assigurazzjoni tal-kwalità
  • Tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol
  • Taħriġ tal-għalliema
  • Tagħlim intraprenditorjali u kompetenzi ewlenin, u
  • Gwida tal-karriera.

Qabel ma nibdew ix-xogħol f'pajjiż, inwettqu analiżi dettaljata tal-politiki tal-kapital uman tal-UE, il-valuri soċjali u l-prijoritajiet esterni, u norbtuha mal-ħtiġijiet tal-pajjiż sieħeb u l-aspirazzjonijiet ta’ żvilupp bħala parti mill-assistenza ġenerali tal-pajjiż fil-qasam tal-kapital uman.

Aħna nikkooperaw mal-istituzzjonijiet Ewropej, il-komunità tan-negozju, is-sħab soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE. Aħna nappoġġaw lill-Kummissjoni Ewropea u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fl-ipprogrammar tagħhom, sabiex l-assistenza tal-UE tkun immirata b'mod preċiż u taqbel mal-kapaċitajiet u l-prijoritajiet tal-pajjiż. Naħdmu mill-qrib ma’ Eurofound u Cedefop biex niżguraw li l-analiżijiet u l-prattika tajba mill-Istati Membri tal-UE jiġu kondiviżi lil hinn mill-UE u jintużaw biex jappoġġaw riformi f'pajjiżi sħab.

Aħna naħdmu wkoll ma’ firxa ta' partijiet interessati internazzjonali, u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti u donaturi. Dan huwa inkwadrat mill-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp u d-dimensjoni tal-kapital uman tal-Aġenda ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, li jidentifika żewġ għanijiet speċifiċi dwar l-edukazzjoni u l-impjiegi għall-pajjiżi sħab kollha, u li jmexxi l-istrateġija u l-attivitajiet tal-Grupp bejn l-Aġenziji dwar Edukazzjoni u Taħriġ Tekniku u Vokazzjonali, fejn aħna parteċipanti attivi.

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ ġiet stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill Nru 1360 fl-1990, riformulat mill-ġdid bħala Nru 1339 fl-2008. Ir-regolament riformulat jispeċifika r-rwol tal-ETF fil-kontribuzzjoni għall-iżvilupp tal-kapital uman fil-kuntest tal-politiki tar-relazzjonijiet esterni tal-UE. F'dan il-kuntest, l-iżvilupp tal-kapital uman huwa definit bħala xogħol li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tul il-ħajja tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-individwi permezz tat-titjib tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali.